Il-Politika Agrikola Komuni (PAK) hija kruċjali għall-futur tas-settur agrikolu u tal-forestrija, li tallinja mal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Mill-1 ta’ Jannar tal-2023, il-PAK ġiet riformata bil-għan li timplimenta sistema iktar ġusta, ekoloġika u effettiva.
Il-PAK il-ġdida għandha rwol kruċjali biex tiżgura futur sostenibbli għall-bdiewa Ewropej, billi tappoġġa azjendi agrikoli iżgħar, filwaqt li tagħti flessibbiltà lill-pajiżi tal-UE sabiex jadottaw miżuri li huma addatati għall-bżonnijiet tagħhom. Din il-politika hi essenzjali biex jitwettqu l-istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt u l-istrateġiji tal-bijodiversità li jinsabu fil-Patt Ekoloġiku Ewropew b’enfasi fuq sistema mmoderniżżata b’għaxar objettivi speċifiċi għas-sostenibbiltà tas-soċjeta, ambjentali u ekonomika.
Il-PAK 2023-2027, taddotta sistema li timxi fuq il-prestazzjoni u r-riżultati, b’objettivi li jservu ta’ bażi għall-Pjanijiet Strateġiċi tal-pajjiżi tal-UE. Permezz tal-Pjanijiet Strateġiċi Nazzjonali, kull pajjiż tal-UE jfassal l-għanijiet speċifiċi, biex jagħti kontribut għal dawn l-objettivi grazzi għal miżuri politiċi speċifiċi tiegħu. Dawn il-pjanijiet, wiehed għal kull pajjiż membru tal-UE (apparti l-Belġju, li għandu tnejn), jimmiraw għal ħtiġijiet speċifiċi waqt li jallinjaw ma’ għanijiet fuq livell Ewropew, inkluż dawk tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-ħarsa ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea lejn it-28 Pjan Strateġiċi tal-PAK approvati, tenfasizza elementi ewlenin, li jiffukaw fuq dejta approvata uffiċjalment sal-31 ta’ Diċembru 2022. Dawn il-pjanijiet, li huma vitali għall-implimentazzjoni tal-politika, huma mfassla biex jappoġġjaw lill-bdiewa fit-tranżizzjoni għas-sostenibbiltà filwaqt li jikkontribwixxu għal impenji klimatiċi u ambjentali.
L-istruttura riformata tal-PAK tikkumplimenta l-Patt Ekoloġiku Ewropew, li jinkludi ambizzjonijiet ambjentali ogħla, ekoskemi, u enfasi fuq il-klima u l-biodiversità. Il-politika tistinka wkoll għall-ġustizzja, billi tidderieġi l-appoġġ lejn azjendi agrikoli iżgħar, tippromwovi l-kondizzjonalità soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi u tagħti għajnuna lill-bdiewa żagħżagħ. Il-PAK issaħħaħ ukoll il-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista, tinkoraġixxi koperazzjoni, iżżomm l-orjentazzjoni lejn is-suq, u tinkludi riserva għall-kriżijiet, biex b’hekk trawwem il-kompetittività. B’baġit b’saħħtu ta’ 387 biljun Ewro għal bejn 2021-2027, il-PAK tappoġġja l-għanijiet tad-dħul ekonomiku, l-iżvilupp rurali, u l-għanijiet ambjentali. Barra min hekk, l-impenn għar-riċerka u l-innovazzjoni, grazzi għal 10 biljun Ewro oħra mill-programm Orizzont tal-Ewropa, issaħħaħ l-għarfien agrikolu u s-sistemi innovativi.