Taqsima A3 – Taqsima tal-Kontroll

L-għan tat-taqsima tal-Kontroll huwa li twettaq il-kontrolli meħtieġa biex tiżgura verifikazzjoni effettiva tal-konformità mat-termini li taħthom jingħataw l-għajnuniet u r-rekwiżiti u standards rilevanti għall-kundizzjonalità.

Bħala l-fergħa teknika tal-Aġenzija tal-Pagamenti Agrikoli u Rurali, l-Unità tal-Kontroll hija responsabbli għaż-żamma tal-Modulu tal-Kontrolli fi ħdan is-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u l-Kontroll (IACS), is-Sistema ta’ Informazzjoni Ġeografika (GIS) u l-eżekuzzjoni ta’ verifiki fuq il-post, inklużi l-funzjonijiet segwenti:

  • Kontroll Fuq il-Post
  • Kundizzjonalità
  • Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Għelieqi (LPIS)
 
Kontrolli Fuq il-Post

L-Unità tal-Kontroll tuża l-metodi tal-iktar teknoloġija reċenti biex tikkontrolla l-azjendi agrikoli li tkun saret applikazzjoni dwarhom.
Il-kontrolli fuq il-post jitwettqu permezz ta’ żewġ metodi;

 
Sensur Remot

Kull sena jiġu kkontrollati bejn wieħed u ieħor 15,000 għalqa permezz ta’ softwer speċjalizzat tat-telerilevament. L-użu ta’ telerilevament jgħin biex inaqqas ir-rekwiżit ta’ mezzi tradizzjonali tal-verifiki fuq il-post u għalhekk jagħmel il-proċess tal-kontroll irħas u effiċjenti.

Verifiki Tradizzjonali (fuq il-post)

Verifiki fuq il-post jitwettqu biex tiġi vverifikata l-konformità mal-kriterji tal-eliġibbiltà fir-rigward tal-miżuri segwenti;

  • Għajnuna Diretta;
  • Skema ta’ Pagament Uniku;
  • Miżura għal Żona Inqas Iffavorita;
  • Miżuri Agri-Ambjentali;
  • Miżuri Agri-Ambjent-Klima;
  • Żoni b’Restrizzjonijiet Naturali
  • Miżuri ta’ Investiment;
  • Skema tal-Frott u Skema tal-Ħxejjex;
  • Skema tal-Ħalib fl-Iskejjel;
  • Għajnuna għal Min Irabbi n-Naħal.

L-għażla tal-applikanti għall-kontroll hija bbażata fuq proċess ta’ analiżi tar-riskju, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi tar-riskju l-iktar rilevanti. In-numru totali ta’ verifiki fuq il-post imwettqa kull sena jkopri mill-inqas 5% tal-bdiewa kollha li ssottomettew applikazzjoni għall-għajnuna. 1% ieħor tal-proġetti tat-tip ta’ investiment li għalihom ġew iffinalizzati l-pagamenti għandhom ukoll ikunu suġġetti għall-verifiki ulterjuri għall-perjodu ta’ 5 snin.

 
Kundizzjonalità

Il-kundizzjonalità hija obbligatorja għall-Istati Membri kollha inkluż Malta. Il-bdiewa kollha li jirċievu pagamenti diretti jew li qegħdin jirċievu pagamenti taħt Assi II tal-Pjan għall-Iżvilupp Rurali huma suġġetti għall-kundizzjonalità.

Il-bdiewa ma għandhomx għaliex jipproduċu biex jirċievu għajnuna diretta, iżda għandhom jirrispettaw l-istandards tal-kundizzjonalità b’żewġ modi:

  • Kundizzjoni Agrikola u Ambjentali Tajba: Dan ir-rekwiżit huwa konsegwenza tal-introduzzjoni tal-SPS u huwa intiż biex jiġi evitat l-abbandun ta’ art agrikola u l-konsegwenzi ambjentali ta’ dan.
  • Rekwiżiti ta’ Ġestjoni Statutorji: Il-bdiewa għandhom josservaw standards oħra ta’ kundizzjonalità msejħa rekwiżiti ta’ ġestjoni statutorji stabbiliti skont it-13-il Direttiva tal-UE u r-Regolamenti relatati.

Illum il-ġurnata l-kundizzjonalità ġiet estiża lil hinn mir-regoli ambjentali u tinkludi wkoll:

  • is-saħħa pubblika, tal-annimali u tal-pjanti;
  • il-benesseri tal-annimali;
  • il-konformità mar-rekwiżiti minimi għall-fertilizzanti, u l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għal dawk il-bdiewa li jirċievu għajnuna taħt il-Pilastru II..

Il-bdiewa għandhom jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni kollha li taffettwa l-azjenda tagħhom. Meta bdiewa jonqsu milli jirrispettaw dawn il-kundizzjonijiet jista’ jitnaqqsilhom jew saħansitra jinqatgħalhom il-pagamenti diretti kollha.