Pagamenti Diretti

Pagamenti Diretti jikkontribwixxu biex isostnu l-biedja madwar it-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea billi jappoġġjaw u jistabbilizzaw id-dħul tal-bdiewa, u b’hekk jiżguraw il-vijabbiltà ekonomika fit-tul tal-irziezet u jagħmluhom inqas vulnerabbli għall-fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet u billi jiġu pprovduti b’beni pubbliċi bażiċi permezz tar-rabta tagħhom mal- kundizzjonalità.

Ġie milħuq ftehim fil-livell tal-UE dwar appoġġ għall-pagamenti diretti, ipprovduti permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) fl-2013 u dan irriżulta fl-adozzjoni tar-Regolament dwar il-Pagamenti Diretti (DPR), Regolament (UE) Nru 1307/2013.

Malta ġiet allokata baġit annwali ta’ €5.2 miljun sat-tmiem l-2019, baġit li ser jintuża biex jappoġġja lil bdiewa attivi permezz tal-implimentazzjoni ta’ skemi ġodda u obbligatorji (applikabbli għall-Istati Membri kollha), kif ukoll l-iskemi volontarji. Malta ser tkun qiegħda timplimenta total ta’ 5 skemi taħt id-DPR, speċifikament:

    • Skema Bażika ta’ Pagament (BPS)
    • Pagament għal prattiki ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent (Tħaddir)
    • Pagamenti għal bdiewa żgħażagħ
    • Appoġġ Volontarju Abbinat (VCS)
    • Skema għal Bdiewa Żgħar (SFS)

Skema Bażika ta’ Pagament (BPS)

L-Iskema Bażika ta’ Pagament (BPS) hija simili ħafna għall-Iskema ta’ Pagament Uniku (SPS) preċedenti, li kienet implimentata fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013. L-iskema ser tkun ibbażata fuq intitolamenti għal pagamenti li Malta ser tkun qiegħda talloka fl-2015, li jfisser li l-bdiewa se jkunu qegħdin jirċievu intitolamenti ġodda skont iż-żona agrikola eliġibbli rreġistrata mal-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA). Taħt dan il-qafas ġdid, Malta ser tkun qiegħda talloka tip wieħed ta’ intitolament b’valur wieħed.

Il-bdiewa ser ikunu obbligati jattivaw l-intitolamenti kull sena, flimkien maż-żona eliġibbli ekwivalenti rreġistrata mill-benefiċjarju. Dawn l-intitolament ser jiġu nnegozjati bħall-intitolamenti preċedenti; jistgħu jiġu ttrasferiti jew mikrija. Intitolamenti li ma jiġux attivati għal sentejn konsekuttivi ser jiġu ttrasferiti lir-Riżerva Nazzjonali, li sservi bħala envelop biex jintuża għall-allokazzjoni ta’ intitolamenti ġodda lil bdiewa ġodda.

Biex ikunu eliġibbli għall-appoġġ taħt il-BPS, l-applikanti għandu jkollhom minimu ta’ 0.3 ettaru (ekwivalenti għal 2.6 tumoli) ta’ art agrikola eliġibbli (jew art użata għal għanijiet agrikoli). Irqajja’ li jitħallew jistrieħu ser jitqiesu eliġibbli sakemm il-bidwi jkun qiegħed iwettaq dik magħrufa bħala ‘attività minima’. Dan huwa obbligu ġdid introdott taħt il-qafas il-ġdid intiż li jappoġġja lil bdiewa attivi; irqajja’ li jitħallew jistrieħu għandhom jinħadmu mill-inqas darba fis-sena bejn April u Mejju biex jiġi ssodisfatt dan l-obbligu ta’ attività minima.

Pagament għal prattiki ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent (Tħaddir)

Matul il-perjodu 2014-2020, il-Kummissjoni qiegħdet importanza konsiderevoli fuq il-miżuri ta’ tħaddir, u dan huwa evidenti mill-fatt li 30% tal-baġit totali għall-Pagamenti Diretti ġie allokat għal pagamenti ta’ tħaddir.

F’Malta, €1.57 miljun ser jiġu allokati annwalment għat-tħaddir. It-tħaddir jinkludi tliet skemi, u l-bdiewa kollha li jaqgħu fi ħdan il-limiti stabbiliti tal-iskemi huma obbligati josservaw l-obbligi aplikabbli. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità dawn jiġu suġġetti għal penali u/jew tnaqqis. It-tliet skemi ta’ tħaddir huma s-segwenti:

• Diversifikazzjoni tal-Għelejjel

Bdiewa li għandhom iktar minn 10 ettari (88 tumoli) ta’ art li tinħadem għandhom josservaw is-sistema ta’ diversifikazzjoni tal-għelejjel:

  • Bdiewa li għandhom iktar minn 10 ettari iżda inqas minn 30 ettaru għandhom jikkultivaw mill-inqas 2 għelejjel fuq l-art li tinħadem tagħhom. L-għelejjel prinċipali ma għandhomx jeċċedu 75% tal-art totali li tinħadem;
  • Bdiewa b’żona li tinħadem ta’ iktar minn 30 ettaru (266 tumolu) għandhom jikkultivaw mill-inqas 3 għelejjel bl-għelejjel prinċipali li ma jeċċedux 75%. L-għelejjel prinċipali flimkien mal-għelejjel sekondarji ma għandhomx jeċċedu 95% taż-żona li tinħadem.

Bdiewa li jikkultivaw iktar minn 75% tal-art li tinħadem tagħhom b’għelejjel tal-għalf, jew iħallu l-art tagħhom tistrieħ, huma eżentati mill-obbligu ta’ diversifikazzjoni tal-għelejjel.

• Art bil-Ħaxix Permanenti

Din l-iskema mhijiex applikabbli għal Malta għax ma hemm ebda art bil-ħaxix permanenti.

• Żona ta’ Fokalizzazzjoni Ekoloġika (ŻIE)

Bdiewa li għandhom erja ta’ 15-il ettaru (133 tumolu) jew iktar ta’ art li tinħadem huma obbligati li jżommu mill-inqas 5% ta’ Żoni ta’ Fokalizzazzjoni Ekoloġika (ŻIE). Malta ddeterminat iż-żoni segwenti bħala Żoni ta’ Fokalizzazzjoni Ekoloġiċi:

  • Art li qiegħda tistrieħ
  • Għelejjel li jiffissaw in-nitroġenu

Bdiewa b’inqas minn 10 ettari huma eżentati mill-obbligu tat-tħaddir iżda xorta huma eliġibbli għall-pagament tat-tħaddir.

Pagament għal bdiewa żgħażagħ

Din l-iskema hija mmirata biex tappoġġja lil persuni żgħażagħ biex jibdew attività agrikola. Bdiewa li għandhom 40 jew inqas jistgħu jibbenefikaw minn żieda finanzjarja addizzjonali fuq il-pagament bażiku tagħhom.

Iż-żieda tammonta għal 25% tal-valur tal-intitolament tal-pagament, u l-appoġġ jingħata għall-ewwel 5 snin minn meta l-bdiewa jibdew l-attività agrikola tagħhom.

Skema għal Bdiewa Żgħar (SFS)

Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet skema ssemplifikata għal bdiewa li jirċievu pagament ta’ inqas minn €1,250. L-Iskema għal Bdiewa Żgħar ser tgħin lil dawn il-bdiewa biex jissottomettu formola ta’ applikazzjoni sempliċi minflok japplikaw għall-Iskema ta’ Pagament Bażiku (BPS), tat-tħaddir u/jew għal bdiewa żgħażagħ.

Il-bdiewa ser jirċievu l-istess ammont ta’ fondi iżda permezz ta’ skema ssemplifikata minflok, u Malta ser tikkunsidra lill-bdiewa kollha li ser jirċievu pagament ta’ inqas minn €1,250 bħala parti mis-SFS. Il-bdiewa jistgħu jiddeċiedu jirtiraw mill-SFS fi kwalunkwe punt sempliċiment billi jinformaw lill-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA). Il-bdiewa li jipparteċipaw fl-Iskema għal Bdiewa Żgħar (SFS) huma eżentati mill-obbligi tat-tħaddir u l-penali u t-tnaqqis relatati mal-obbligi ta’ kundizzjonalità.

Appoġġ Volontarju Abbinat (VCS)

L-għan tal-iskema ta’ Appoġġ Volontarju Abbinat (VCS) huwa li tappoġġja s-setturi li huma partikolarment importanti għal raġunijiet ekonomiċi, soċjali jew ambjentali, u li jinsabu għaddejjin minn ċerti diffikultajiet. Malta kisbet deroga mill-UE taħt l-iskema ta’ Appoġġ Volontarju Abbinat (VCS) b’mod li hija permessa l-possibbiltà li talloka sa €3 miljuni għal din il-miżura.

Malta ser tkun qiegħda tuża din l-iskema biex tappoġġja erba’ setturi: tal-ħalib, il-laħam taċ-ċanga, in-nagħaġ u t-tadam (għall-ipproċessar). Il-bdiewa f’dawn is-setturi huma mitluba jissottomettu espressjoni ta’ interess biex jirċievu l-appoġġ taħt din l-iskema.

  • Is-Settur tal-Ħalib

Min irabbi annimali għall-ħalib jista’ jirċievi l-appoġġ jekk jissodisfa l-kriterji segwenti:

  • Ikollu kuntratt ma’ proċessur tal-ħalib
  • Ikollu mill-inqas 10 baqriet tal-ħalib
  • Is-Settur tal-Laħam taċ-Ċanga

Il-bdiewa fl-industrija tal-laħam taċ-ċanga huma eliġibbli għall-appoġġ sakemm ikunu:

  • Qatlu mill-inqas tliet barrin jew għoġġiela fl-2014. Taħt din l-iskema, għoġla eliġibbli trid tkun ta’ razza tal-laħam taċ-ċanga jew imħallta ma’ razza tal-laħam taċ-ċanga. Bovini eliġibbli għandhom jinqatlu bejn l-età ta’ 8 u 20 xahar u għandhom ikun ġew irreġistrati taħt l-isem ta’ min irabbihom għal mill-inqas 6 xhur.
  • Is-Settur tan-Nagħaġ

Il-bdiewa fis-settur tan-nagħaġ jistgħu jkunu eliġibbli għall-appoġġ jekk ikollhom:

  • Mill-inqas 20 nagħġa li għandhom sena (jew iktar) jew iktar li huma rreġistrati taħt isimhom.
  • Is-Settur tat-Tadam

Il-bdiewa li jikkultivaw it-tadam għall-ipproċessar għandhom jissodisfaw il-kriterji segwenti biex jirċievu l-appoġġ:

  • Ikollhom kuntratt ma’ Organizzazzjoni ta’ Produtturi (PO) jew Kooperattiva fis-settur tat-tadam għall-ipproċessar

Baġit għall-Iskemi kollha

Kif iddikjarat iktar ‘il fuq, il-baġit totali għal Pagamenti Diretti f’Malta sal-2019 ser ikun ta’ €5.2 miljuni kull sena. It-tabella segwenti tipprovdi diżaggregazzjoni tal-allokazzjoni baġitarja għal kull skema:

Skema Perċentwali tal-Baġit Nazzjonali Ammont Annwali f’€

Tħaddir

30%

€1,572,300

Pagament għal Bdiewa Żgħażagħ

0.4% (jista’ tiżdied sa 2%)

€20,956

Appoġġ Volontarju Abbinat

Fil-każ ta’ Malta sa 3miljun

€3,000,000

Skema ta’ Pagament Bażiku

12.36%

€647,736

Total

€5,240,992