L-Iskema għall-Iskejjel tal-Unjoni Ewropea (UE)

L-Iskema għall-Iskejjel tal-UE, hija inizzjativa importanti li tappoġġja d-distribuzzjoni tal-ħalib, frott u ħaxix frisk lil miljuni ta’ tfal, mill-iskejjel primarji sa dawk sekondarji li jipparteċipaw madwar l-UE.

Din l-iskema tindirizza l-għan ta’ konsum adegwat tal-frott, ħxejjex, u ħalib fl-UE, filwaqt li tikkumbatti ż-żieda tal-konsum ta’ ikel proċessat li għandu eċċess ta’ zokkor, melħ, xaħam u addittivi. L-UE qed timmira li tiġġieled il-problema tal-obeżità li dejjem qed tiżdied, partikolarment fit-tfal, billi tippromwovi dieta u stil ta’ ħajja li hi tajba għas-saħħa.

L-iskema tiffaċilita d-distribuzzjoni ta’ frott, ħxejjex, u ħalib fl-iskejjel direttament lill–istudenti. L-Istati Membri tal-UE jikkollaboraw mal-awtoritajiet tas-saħħa u tan-nutrizzjoni sabiex tiġi approvata lista ta’ prodotti għat-tqassim, bi prijorità għall-ikel u l-ħalib frisk u naturali. Prodotti pproċessati xorta jistgħu jiġu inklużi għal dieta varjata, b’kunsiderazzjonijiet dwar staġonalità, disponibbiltà tal-prodotti u l-impatt ambjentali li jista’ jkollhom.

Apparti d-distribuzzjoni, din l-iskema tappoġġja wkoll miżuri edukazzjonali, bħal tagħlim, żjariet f’irziezet, u sessjonijiet u avvenimenti oħra rilevanti. L-għan ta’ dawn l-attivitajiet huwa li jerġgħu jgħaqdu t-tfal mal-agrikultura u jrawmu fihom drawwiet alimentari tajbin, fejn jiġu kopruti suġġetti bħal ktajjen alimentari lokali, il-biedja organika, is-sostenibbiltà, u l-ħela tal-ikel.

Parti mill-fondi huma wkoll allokati għal attivitajiet ta’ informazzjoni biex tiżdied il-viżibbiltà ta’ din l-iskema, flimkien ma’ monitoraġġ u evalwazzjoni biex tiġi żgurata l-funzjonalità tagħha. Dan jgħin biex tinżamm il-kontabbiltà u t-trasparenza fil-kisba tal-għanijiet tal-iskema. L-Istati Membri jistgħu jaġġustaw l-allokazzjoni tal-baġit tagħhom abbażi tal-prijoritajiet u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom

L-Istati Membri huma meħtieġa jiżviluppaw strateġija ta’ sitt snin fejn jistabbilixxu l-għanijiet, benefiċċji, prodotti, l-attivitajiet edukazzjonali, u l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-iskema. Kull pajjiż jissorvelja u jevalwa l-iskema, u għandu jissottometti rapporti dwar dan lil Kummissjoni Ewropea. Dawn ir-rapporti jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni, fejn ukoll jiġu pprovduti kuntatti biex tinkiseb aktar informazzjoni dwar id-dettalji tal-parteċipazzjoni u l-implimentazzjoni tal-iskema.

The Department
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.