F ’Malta, l-agrikoltura hija kkaratterizzata minn azjendi agrikoli żgħar mmexxija mill-familji, ħafna drabi ġestiti part-time flimkien ma’ sorsi oħra ta’ dħul ekonomiku. Minħabba n-natura frammentata ta’ dawn l-azjendi, il-kisba t’ ekonomiji ta’ skala u ż-żamma kompetittiva fis-suq globali huma ta’ sfida. Il-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) huwa żviluppat biex jingħelbu dawn l-ostakli, imfassal apposta biex jindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tas-settur agrikolu Malti.
Dan il-pjan, li jkopri mill-2023 sal-2027, għandu l-għan li jipprovdi r-riżorsi meħtieġa biex jappoġġa lill-bdiewa u jissodisfa d-domandi tal-futur. Bi prijorità fuq diversi għanijiet, inkluż il-konservazzjoni ambjentali, l-iżgurar ta’ introjtu ġust għall-bdiewa, it-titjib tal-infrastruttura rurali, it-tħaddin ta’ teknoloġiji ġodda, u t-tisħiħ tar-reżiljenza tal-azjendi agrikoli għal diversi sfidi.
Iffinanzjat permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), il-Pjan Strateġiku tal-PAK ikopri l-Gżejjer Maltin kollha. L-interventi ta’ dan il-pjan jimmiraw lejn tliet objettivi ġenerali: it-trawwim ta’ settur agrikolu reżiljenti u diversifikat, l-iżgurar ta’ sikurezza alimentari fit-tul, u t-tisħiħ tal-protezzjoni ambjentali u l-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi fiż-żoni rurali.
B’ baġit totali ta’ 166 miljun Ewro, il-pjan huwa strutturat madwar disgħa objettivi speċifiċi li jvarjaw, mill-appoġġ għad-dħul tal-azjendi agrikoli u t-tisħiħ tal-kompetittività tas-suq, sal-indirizzar tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità, u l-attrazzjoni ta’ bdiewa żgħażagħ. Biex jintlaħqu dawn l-objettivi, il-Pjan Strateġiku tal-PAK jalloka riżorsi għal diversi inizjattivi. Dawn jinkludu t-titjib tar-rati bażiċi t’appoġġ għad-dħul, l-appoġġ għall-bdiewa żgħażagħ u azzjendi zgħar, il-promozzjoni ta’ metodi ta’ biedja ekoloġika, l-investiment f’ sistemi moderni t’ irrigazzjoni u diġitalizzazzjoni, l-inċentivizzazzjoni ta’ prattiki ta’ biedja organika, u t-titjib tal-istandards tal-benessri tal-annimali, fost l-oħrajn.
Barra minn hekk, huma previsti wkoll miżuri bħat-trawwim tal-iskambju tal-għarfien, l-għoti ta’ taħriġ għall-bdiewa, u l-appoġġ għall-prattiki tal-apikultura. Dawk interessati f’ informazzjoni aktar dettaljata jistgħu jaċċessaw l-iskeda informattiva tal-Pjan Strateġiku tal-PAK fuq din il-ħolqa (Country Factsheets (europa.eu)) filwaqt li l-pjan strateġiku ta’ Malta jista’ jinstab fuq din il-ħolqa (FONDI.eu | Common Agricultural Policy Strategic Plan – FONDI.eu). Fl-aħħar mill-aħħar, il-Pjan Strateġiku tal-PAK huwa sforz biex jiġi mmodernizzat s-settur agrikolu ta’ Malta filwaqt li jiżgura prattiki sostenibbli, is-sikurezza tal-ikel, u l-konservazzjoni ambjentali.